QARI I
Kristu hu r-Ras, li fih il-Ġisem kollu jikber fih innifsu.
Efes 4, 7-16
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta doni lill-bnedmin”. “Tela’”, xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.
U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball. Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu. Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 121 (122), 1-2.3-4a.4b-5
R/. (1): Fraħt meta qaluli: “Sejrin f’dar il-Mulej!”
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.
Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 33, 11
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb,
imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.
Lq 13, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: “Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?”. Iżda dak wieġbu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu