Qari tal-Ħamis tat-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin.
Efes 6, 10-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu. Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan. Għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet.

Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin. Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem; ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla.

Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha. Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru tal-Evanġelju, li tiegħu jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jien u nxandar inkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 143 (144), 1.2.9-10

R/. (1a): Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,
li jħarriġli jdejja għat-taqbida
u subgħajja għat-taqtigħa. R/.

Tieba tiegħi u qawwa tiegħi,
kenn tiegħi u ħellies tiegħi,
tarka tiegħi, fih jien nistkenn;
hu li jrażżan il-popli taħti. R/.

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,
fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.
Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,
li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 19, 38

Hallelujah. R/. Hallelujah
Imbierek is-Sultan, li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema, u glorja fil-għoli tas-smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm.
Lq 13, 31-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dak il-ħin stess resqu fuq Ġesù xi Fariżej u qalulu: “Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok”. U hu qalilhom: “Morru għidulu lil dak il-volpi: “Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm”.

Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m’intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



Qari tal-Ġimgħa tat-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

Qari I
Dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù.

Fil 1, 1-11

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Pawlu u Timotju, qaddejja ta’ Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù, flimkien mal-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta’ Filippi. Il-grazzja lilkom u s-sliem mingħand Alla Missierna u mingħand il-Mulej Ġesù Kristu!

Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù.

Ħaġa sewwa li jiena naħseb hekk fikom ilkoll, għaliex jiena nġibkom f’qalbi, lilkom ilkoll, li qsamtu miegħi l-grazzja li għandi, kemm issa li jien marbut bil-ktajjen, u kemm meta kont niddefendi u nwettaq l-Evanġelju. 8Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù!

U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 110 (111), 1-2.3-4.5-6

R/. (2a): Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,
fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;
ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;
twajjeb u ħanin il-Mulej. R/.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,
jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu,
meta qassam lilhom art il-ġnus. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?

Lq 14, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, u Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. Ġesù dar fuq l-għorrief tal-Liġi u l-Fariżej u qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt?”. Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. Imbagħad qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?”. U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



Qari tas-Sibt tat-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

Qari I
Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.

Fil 1, 18b-26

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, sew jekk b’fehma safja u sew jekk le, basta jixxandar Kristu; u b’dan jien nifraħ, iva, u nibqa’ nifraħ. Għax naf li dan bit-talb tagħkom u bl-għajnuna tal-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, għad jisfali għas-salvazzjoni tiegħi. Jien għadni nittama u nistenna bil-ħerqa li ma jkolli xejn mniex nistħi; anzi għandi l-fiduċja li, kif dejjem hekk s’issa, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut.

Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom.

Minn dan jiena żgur; għalhekk naf li se nibqa’ hawn, u nkun magħkom għall-ġid u l-hena tagħkom fil-fidi. Mela, meta nerġa’ niġi għandkom, ikollkom aktar biex tiftaħru bija fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 41 (42), 2.3.5bċd

R/. (3a): Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj

Bħalma għażżiela tixxennaq
għan-nixxigħat tal-ilma,
hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla. R/.

Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla l-ħaj;
meta niġi u nara wiċċ Alla? R/.

Kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
fost għajta ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr,
qalb folla ferħana. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.

Lq 14, 1.7-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan”, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktar ’il fuq”. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Shopping Basket