Il-Kolleġġjata ta' San Pawl

Meta fi żmien l-isqof ta’ Malta Monsinjur Royas, fis-sena 1575, ġie l-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Duzina jagħmel il-viżta pastorali fir-Rabat, huwa sab li f’dan il-post, diġa minn ħafna żmien qabel, kien hemm il-knisja ta’ San Pawl li kienet il-knisja parrokkjali tar-Rabat; u sab li din kienet tant qadima u għalhekk fi stat ħazin, li kienet qed ġa qiegħda tinbena flokha knisja oħra fl-istess inħawi. L-art stess li fuqha kienet, u kif inhi llum mibnija l-knisja, hija sagra, independentament mill-fatt li fuqha llum hija mibnija l-istess knisja. U hija sagra għax fuqha u madwara min jaf kemm il-drabi għaddew u mxew l-Appostlu San Pawl, l-Evanġelista San Luqa, u d-dixxipli San Barnaba u Sant’Aristarku. Kien bil-fors fuq din l-art li, kif jgħid il-kbir Krisostmu saru ħafna magħmudijiet minn dawk il-qaddisin, li minħabba n-nawfraġju kien hemm bżonn fid-disinji tal-Provvidenza li jieqfu f’dina l-gżira. Kien fuq din l-art li għall-ewwel darba tħabbar il-Vanġelu ta’ Kristu u beda f’Malta l-Kristjaneżmu. Kien qrib din il-Knisja li għal tliet xhur għadda x-xitwa u għammar fil-Grotta, San Pawl. U kien fuq din l-art li fil-qedem kien hemm wieħed mill-ewwel ċimiterji ta’ l-insara f’Malta.

Il-bini tal-Knisja preżenti ta’ San Pawl beda wara l-festa tas-sena 1653. Dan ngħiduh għax ftit granet qabel, fit-3 ta’ Ġunju, l-Isqof Balaguer għamel il-Vista Pastorali fir-Rabat u ma semma xejn dwar il-bini. Iżda meta żar mill-ġdid il-Knisja fit-18 t’April 1656 huwa ddeskriva li s-sagristija u t-tribuna kienu mwaqqgħin, u kien jonqos li tinbena l-koppla u l-kappelluni. Faħħar ukoll ħafna lil Cosmana Navarra u żewgha Lorenzo Cassar.

Ix-xogħol li nbeda fl-1653 kien ġa waqaf għal kollox fl-1662 għax ma jissemma xejn fil-Vista pastorali li saret fil-5 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena. Żgur li x-xogħol reġa’ tkompla mid-19 ta’ Jannar 1664, kif jirriżulta mill-ftehim notarili li Cosmana għamlet fis-16 ta’ April mal-bennejja Lorenzo Gafa’ u Pawluċċju Farmusa għal ispiża ta’ 1700 skud biex titkompla l-Knisja, titħaffer il-karnierja u jitkompla il-kampnar li minnu kienet diġa tlestiet parti. L-Isqof Balaguer fil-Vista tiegħu tas-7 ta’ Jannar 1666 jikkummenta li l-knisja, li jsejħilha ‘manjifika’, kienet prattikament lesta, bil-kappellun ta’ San Anton mibni għal kollox.

Iżda din il-knisja kellha biss kappellun wieħed u kulħadd kien rassenjat, l-aktar Cosmana, li fiċ-ċirkostanzi wieħed kellu jistenna għal meta forsi tinqaleb il-folja biex jinbena dak tan-naħa l-oħra, dak ta’ San Stiefnu. Għax l-arja tiegħu, sewwa sew wara l-artal maġġur ta’ San Pubbliju kien propjeta’ ta’ l-Ordni, u donnu l-Gran Mastru kellu pjanijiet oħra u forsi ma kienx tant ferħan li l-knisja l-ġdida se titfi l-knisja tiegħu. Cosmana kompliet issebbaħ il-Knisja bit-titular famuż ta’ Erardi li tlesta fis-sena 1678 u biz-zuntier stupend li tlesta s-sena ta’ wara, 1679. Is-sena ta’ wara, 1680, ġabet ferħ kbir lil Cosmana għax fit-2 ta’ Mejju nħatar il-Granmastru l-ġdid , Fra Nicola Cotoner, u dak inhar stess ikkoncenda lil Cosmana, l-propjeta’ tiegħu li kellha bżonn biex tibni l-kappellun l-ieħor, dak ta’ San Stiefnu. Fit-tmiem tax-xogħol hija bniet mhux biss il-faċċata tal-Knisja tal-llum iżda wkoll iż-żewġ ġnub l-oħra, li jagħtu għal San Publiju u għaz-zuntier.

Upcoming:

Il-Kullegg Wignacourt
L-Arcikontfraternita’ tas-Santissmu Sagrament
Il-Konfraternita’ ta’ San Pawl
Il-Knisja ta’ San Pawl barra s-Swar
Pawlu u Malta